Kristjaneżmu
Minn Wikipedija, l-enċiklopedija ħielsa.
Il-Kristjaneżmu jinkludi l-knejjes kollha li kienu jiffurmaw parti mill-ewwel moviment ta' twemmin fil-verità u l-esistenza f'Ġesu Kristu. Dan it-terminu jintuża wkoll għal perijodu ta' madwar 1000 sena qabel ma seħħu x-xiżmi bejn il-Kristjani tal-punent, immexxijin mill-Papa, u l-Kristjani tal-Lvant, magħquda taħt il-mant tal-Patrijarka ta' Kostantinopli.
Dan il-perijodu jibda mal-mewt ta' Ġesu Kristu u jagħlaq fl-1054. It-terminu Kristjani f'dan il-perijodu jinkludi lil kull min kien Kristjan, filwaqt li t-terminu Kristjan wara din id-data għandu jiġi klassifikat f'liema fergħa tal-Kristjaneżmu jinsab; b'hekk insibu l-Kattoliċiżmu Ruman (dawk il-Kristjani li żammew lill-Papa bħala mexxej spiritwali tagħhom), l-Ortodossi (dawk il-Kristjani li ma xtaqux lill-Papa u baqgħu taħt il-Patrijarki tagħhom) u, wara ftit sekli, il-Protestanti li huma stess huma ssuddiviżi fil-Luterani, il-Kalvinisti u l-Anglikani, fost l-oħrajn.
Jeżistu wkoll ammont ta' setet li jsejħu lilhom infusom bħala Kristjani, imma ħafna mid-drabi dawn ma jiġux irrikonoxxuti mil-friegħi l-oħra ħabba konnessjoni ma' xi ideat, li skond l-oħrajn huma "ereżiji" hekk kif deskritt fil-Kunċilji tal-Knisja fl-ewwel sekli tal-eżistenza tagħha.